It-Tlieta

It-Tlieta huwa l-jum fil-ġimgħa bejn it-Tnejn u l-Erbgħa. Skont l-istandard internazzjonali ISO 8601, it-Tnejn huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa; għaldaqstant, it-Tlieta huwa t-tieni jum tal-ġimgħa.[1] Madankollu, skont bosta kalendarji tradizzjonali, il-Ħadd huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa, għaldaqstant it-Tlieta jiġi t-tielet jum tal-ġimgħa (għalhekk x'aktarx li bil-Malti ngħidu t-Tlieta). F'xi pajjiżi Musulmani, is-Sibt huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa, għaldaqstant it-Tlieta jiġi r-raba' jum tal-ġimgħa.
Bl-Ingliż, l-isem ta' "Tuesday" oriġina mill-Ingliż Nofsani Tewesday, li ġie mill-Ingliż Antik Tiwesdaeg, jiġifieri "l-Jum ta' Tīw jew Týr", l-alla tal-ġlied uniku, tal-liġi u tal-ġustizzja fil-mitoloġija Nordika. Tiw kien meqjus ugwali għal Marte fl-interpretatio germanica, u l-"Jum ta' Tīw" huwa t-traduzzjoni tal-Latin dies Martis.
L-isem tat-Tlieta bl-Ingliż ġej mill-Ingliż Antik Tiwesdaeg u litteralment ifisser "il-Jum ta' Tiw".[2] Tiw huwa l-forma bl-Ingliż Antik tal-alla Proto-Ġermaniku *Tîwaz jew Týr bin-Nordiku Antik. L-isem ta' *Tîwaz ġej mill-għerq Proto-Indo-Ewropew *dei-, *deyā-, *dīdyā-, li tfisser "jiżreġ", u li minnhom jinsiltu kliem bħal "divinità".[3]
It-Tlieta bil-Ġermaniż Dienstag u bl-Olandiż dinsdag, ġejja mid-drawwa Ġermanika tat-thing, peress li Tiw / Týr ukoll kellu rabta qawwija mat-thing.
L-isem tal-jum bil-Latin dies Martis ("il-jum ta' Marte") huwa ekwivalenti għall-Grieg ἡμέρα Ἄρεως (hēméra Áreōs, jiġifieri "l-jum ta' Ares"). Bil-biċċa l-kbira tal-lingwi b'oriġini Latina (it-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol, il-Katalan, ir-Rumen, il-Galizjan, il-lingwa Sarda, il-Korsikan, iżda mhux il-Portugiż), l-isem tal-jum ingħata f'ġieħ Marte, l-ekwivalenti Ruman tad-divinità tal-Greċja Antika Ares (Ἄρης).
F'xi lingwi Slavi, l-isem tal-jum oriġina mill-kelma Slava tal-Knisja tal-qedem въторъ li tfisser "it-tieni". L-isem tal-jum bil-Bulgaru u bir-Russu Вторник (Vtornik) jew bis-Serbjan: уторак utorak oriġina mill-aġġettiv għat-"tieni" – Втори (Vtori) jew Второй (Vtoroi).
Bil-Ġappuniż, it-tieni jum tal-ġimgħa huwa 火曜日 (kayōbi), minn 火星 (kasei), jiġifieri l-pjaneta Marte. B'mod simili, bil-Korean isem il-jum huwa 화요일 (hwa yo il), li litteralment tfisser il-jum tan-nar, u l-pjaneta Marte titqies bħala l-istilla tan-nar bl-istess kliem, iżda ma hemmx rabta mal-alla Ruman Marte, li tinħass fonetikament bħala "Mars".
Bil-lingwi Indo-Arjani Pali u Sanskritu, isem il-jum ġej mill-Angaraka ("dak li għandu lewn aħmar"), titlu ta' Mangala (jew mod kif issir referenza għalih, l-alla tal-gwerra, u ta' Marte, il-pjaneta ħamra.
Bin-Nahuatl, it-Tlieta huwa Huītzilōpōchtōnal (nah) li tfisser "il-jum ta' Huitzilopochtli".
Bl-Għarbi, it-Tlieta huwa الثلاثاء (al-Thulatha'), u bl-Ebrajk huwa יום שלישי (Yom Shlishi), li jfisser "it-tielet jum". Meta dan jiżdied wara l-kelma يوم / יום (yom jew youm), l-isem ifisser "it-tielet jum".
Osservanzi reliġjużi
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant, it-Tlieta huwa l-jum li huwa ddedikat lil San Ġwann Battista. L-Octoechos fih innijiet dwar din it-tema, irranġati f'ċiklu ta' 8 ġimgħat, li jiġu kantati nhar ta' Tlieta matul is-sena kollha. Fi tmiem is-Servizzi Divini nhar ta' Tlieta, it-tislima tal-aħħar tibda bil-kliem: "J'Alla Sidna Ġesù Kristu, permezz tal-interċessjonijiet ta' Ommu mill-iktar safja, tal-Profeta, Pijunier u Battist onorevoli u glorjuż Ġwanni…".
Fl-Induiżmu, it-Tlieta huwa jum popolari għall-qima u għat-talb lil Hanuman u lil Kartikeya. Uħud iqimu wkoll lil Kali, lil Durga, lil Parvati u lil Ganexa. Bosta Induisti jsumu nhar ta' Tlieta. Bosta nisa miżżewġin Induisti josservaw ukoll is-sawm tal-Mangala Gauri Vrat kull nhar ta' Tlieta fix-xahar Induist ta' Xravana, bħala x-xahar iddedikat lil Gauri u lil Xiva. It-Tlieta jitqies ukoll bħala l-jum immexxi minn Mangala (Marte) fl-Induiżmu.[4]
Referenzi kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Fid-dinja Griega, it-Tlieta (il-jum tal-ġimgħa tal-Waqgħa ta' Kostantinopli) jitqies bħala jum ta' xorti ħażina.[5] L-istess japplika fid-dinja Spanjola; huwa maħsub li dan huwa minħabba l-assoċjazzjoni bejn it-Tlieta u Marte, l-alla tal-gwerra u għaldaqstant b'rabta mal-mewt. Kemm għall-kelliema tal-Grieg kif ukoll tal-Ispanjol, it-13 tax-xahar jitqies bħala jum ta' xorti ħażina jekk jinzerta jkun it-Tlieta, minflok il-Ġimgħa, li huwa twemmin iktar mifrux madwar id-dinja minħabba Apollo-13. Min-naħa l-oħra, fil-Ġudaiżmu t-Tlieta jitqies bħala jum ta' xorti partikolarment tajba, minħabba li fil-Bereshit (parashah), magħruf fit-tradizzjoni Kristjana bħala l-ewwel kapitli tal-Ġenesi,[6] il-paragrafu dwar dan il-jum fih il-frażi "kien tajjeb" darbtejn.[7]
Fil-kalendarju solari Tajlandiż, isem il-jum ġej mill-kelma bil-Pali għall-pjaneta Marte, li tfisser ukoll "l-Irmied tal-Mejtin"; il-lewn assoċjat mat-Tlieta huwa r-roża.
Fir-rima folkloristika Monday's Child, "wild it-Tlieta huwa mimli grazzja".
Okkorrenzi komuni
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tlieta huwa l-jum li normalment iseħħu fih l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti. L-elezzjonijiet federali jseħħu t-Tlieta ta' wara l-ewwel Tnejn f'Novembru; din id-data ġiet stabbilita skont liġi tal-1845 għall-elezzjonijiet Presidenzjali (speċifikament għall-għażla tal-Kulleġġ Elettorali), u ġiet estiża għall-elezzjonijiet tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-1875 u għas-Senat fl-1914. It-Tlieta kien l-ewwel jum tal-ġimgħa li kien prattiku għall-poloz elettorali fil-bidu tas-seklu 19: iċ-ċittadini jaf kien ikollhom jivvjaġġaw għal jum sħiħ biex jixħtu l-vot tagħhom, u ma kinux ikunu jridu jitilqu l-Ħadd li kien meqjus bħala jum ta' qima għall-maġġoranza. Madankollu, ġie introdott abbozz ta' liġi fl-2012 biex l-elezzjonijiet jitressqu għal tmiem il-ġimgħa, b'kosponsor li ddikjara li "biċ-ċaqliq ta' Jum l-Elezzjoni minn jum uniku f'nofs il-ġimgħa tax-xogħol għal tmiem il-ġimgħa sħiħ, qed inħeġġu lil iktar ħaddiema Amerikani jipparteċipaw. Id-demokrazija tagħna se titħares l-iktar meta l-mexxejja tagħna jiġu eletti bl-ikbar għadd ta' Amerikani possibbli".[8]
Il-logħbiet elettroniċi spiss jinħarġu nhar ta' Tlieta fl-Istati Uniti; dan il-fatt spiss huwa dovut għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni ta' Sonic the Hedgehog 2 tal-1992.[9] Id-DVDs u l-Blu-rays jinħarġu nhar ta' Tlieta wkoll.[10][11] L-albums tipikament kienu jinħarġu nhar ta' Tlieta wkoll, iżda dan inbidel globalment għal nhar ta' Ġimgħa fl-2015.[12]
Fl-Awstralja, il-bord tal-Bank tar-Riżerva tal-Awstralja jiltaqa' fl-ewwel Tlieta ta' kull xahar għajr f'Jannar.[13] Il-gvern federali jippubblika l-baġit federali fit-tieni Tlieta f'Mejju, u din il-prattika ilha ssir mill-1994 (għajr fl-1996 u fl-2016). It-Tazza ta' Melbourne tiġi organizzata kull sena fl-ewwel Tlieta ta' Novembru.[14]
Fl-astroloġija, it-Tlieta huwa allinjat mal-pjaneta Marte u mal-Wott u mal-Għaqreb taż-żodjaku.
Jiem importanti
[immodifika | immodifika s-sors]- It-Tlieta Iswed, fl-Istati Uniti, jirreferi għat-Tlieta, id-29 ta' Ottubru 1929, bħala parti mill-Kriżi tal-Borża tal-1929. Dan kien it-Tlieta ta' wara l-Ħamis Iswed;
- it-Tlieta tal-Għid huwa t-Tlieta fi ħdan l-Ottava tal-Għid;
- it-Tlieta Mqaddes huwa t-Tlieta tal-Ġimgħa Mqaddsa, ta' qabel l-Għid. Ifakkar ir-ritorn ta' Ġesù f'Ġerusalemm mill-Betanija u s-Seħta tas-siġra tat-tin;
- it-Tlieta tal-Patches huwa t-tieni Tlieta ta' kull xahar meta Microsoft toħroġ il-patches għall-prodotti tagħha. Xi amministraturi informatiċi lil dan il-jum isejħulu t-Tlieta Iswed;
- Mardi Gras – il-jum ta' qabel l-ewwel jum tar-Randan fil-kalendarju Kristjan tal-Punent;
- it-Tlieta Super huwa l-jum li fih bosta stati Amerikani jorganizzaw l-elezzjonijiet primarji Presidenzjali tagħhom;
- Twosday (mill-fużjoni ta' tnejn u t-Tlieta) huwa l-isem mogħti lit-Tlieta, it-22 ta' Frar 2022, u osservanza lajka mhux uffiċjali ta' darba li saret dakinhar;
- it-Tlieta tal-Ivvjaġġar hija osservanza mhux uffiċjali li ssir it-Tlieta ta' wara Thanksgiving;
- Giving Tuesday jew #GivingTuesday huwa jum li fih in-nies jiġu mħeġġa jagħmlu l-ġid u huwa moviment globali għall-promozzjoni tal-ġenerożità. Dan il-jum ikun it-Tlieta ta' wara l-Ġimgħa Iswed u tnieda fl-2012 fl-Istati Uniti.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "ISO 8601-1:2019(en) Date and time – Representations for information interchange – Part 1: Basic rules". www.iso.org. Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Tuesday - Etymology, Origin & Meaning of the Name". etymonline (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ Klein, E., "deity" and "Tuesday", Comprehensive Etymological Dictionary of the English Language (Elsevier Publishing, 1966), pp. 417—18, 1662.
- ↑ "Hindu Fasting - Vrat - Importance of fasting in Hinduism, Hindu Vrats". Eshwar Bhakti (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "The fall of Constantinople" (bl-Ingliż). 1999-12-23. Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Bereshit - Genesis - Chapter 1 (Parshah Bereshit)". www.chabad.org (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ Bereishit 1:9-13 (in the Christian tradition known as Genesis). Discussed in Marvin J. Heller, "Frankfurt on the Oder—First Edition: Background", in Printing the Talmud: Complete Editions, Tractates, and Other Works and the Associated Presses from the Mid-17th Century through the 18th Century (Leiden: Brill), 47-56. DOI: https://doi.org/10.1163/9789004376731_005 and ISBN 9789004376724.
- ↑ "Bill introduced to move Election Day to weekend - CBS News". www.cbsnews.com (bl-Ingliż). 2012-03-09. Miġbur 2026-10-26.
- ↑ Levy, Karyne. "The Weird Reason Why Video Games Are Released On Tuesdays". Business Insider (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Why Albums Are Released On Tuesdays In The U.S." (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Why Albums Are Released On Tuesdays In The U.S." (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ Flanagan, Andrew (2015-02-26). "Industry Sets Friday as Global Record Release Day" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Reserve Bank Boards". Reserve Bank of Australia (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.
- ↑ "Melbourne Cup Day 2026 in Australia". www.timeanddate.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-10-26.